Fgura
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Il-Fgura hu villaġġ f'Malta, viċin il-Port il-Kbir, u hi waħda mill-iktar bliet li, dan l-aħħar, qed jikbru ħafna. Mhux ta' min jistagħġeb mela meta jingħad li l-Fgura saret iċ-ċentru kummerċjali tax-xlokk ta' Malta. L-arma tagħha hi linja ħamra orizzontali, bi tlett stilel b'ħames ponot, fuq dahar abjad.
Il-Patruna tal-Fgura hi l-Madonna tal-Karmnu, u l-festa tagħha hi fit-tieni Ħadd ta' Lulju.
L-isem tal-lokal ġej mill-kelma figura b'referenza għax-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu li kienet teżisti fil-lokal, u kienet tissejjaħ bħala l-figura tal-Madonna, li aktar tard, b'mod popolari, saret fgura.
Fis-sena 1945 il-patrijiet karmelitani tal-Provinċja Karmelitana Maltija waqqfu kunvent fl-istess lokal.
Il-Fgura saret Parroċċa fl-1965. Il-knisja parrokkjali preżenti nfetħet għall-pubbliku fl-1988, u kienet ikkonsagrata fl-1 ta' Frar 1990.