Talk:Qalb
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Flok 'toraċe' nixtieq nissuġġerixxi 'sider' jew l-aħjar kelma, għalkemm qed tmut fil-Malti, 'kustat'. X'jidhirlek Roderick?
Hemm ukoll il-kelma, 'ssupportjat'.Xi tgħid jekk nużaw, 'miżmuma'?
Skużani jekk qed inkun qerda fil-Malti imma jien il-qatla tiegħi meta narah miktub ħażin! Nifhimha li Malti mitkellem ikun influenzat mill-Ingliż, imma tal-inqas nipprova nagħmel ħilti biex fil-kitba, fejn hemm kelma bil-Malti nuża lilha mhux korruzjoni ta' kelma Ingliża!
Tony Sammut 18:47, 8 April 2006 (UTC)
Għażiż Tony, il-problema kif naraha jiena hija li f'qasam daqshekk speċjalizzat, hemm nuqqas ta' kliem u terminoloġiji relatati. Il-kelma sider diġà ikkunsidrajtha f'reviżjoni preċedenti (tista' tfittixa fil-kronoloġija). Inti qed tissuġġerixxi li nużaw sider, imma kif naraha jien sider u naħseb il-parti l-kbira tan-nies, sider hija dik il-parti tal-ġisem li fl-Ingliż nafuha bħala "chest" jew inkella "breast". Minn naħa l-oħra il-kelma kustat tfisser "thoracic wall", jew aħjar il-kustilji u l-muskoli ta' bejniethom. Kif forsi qed tinduna ma teżistix kelma per se biex tiddeskrivi l-ispazju kontenut mill-kustat. Fil-Malti għandna frażi tajba u deskrittiva ħafna: il-kaxxa tas-sider għax strutturalment is-sider huwa f'għamla ta' kaxxa.
Għaldaqstant skoprejt li ma kienx hemm kelma speċjalizzata u partikolari biex tiddeskrivi t-"thorax" u b'hekk iddeċidejt li noħloq dik il-kelma.
Rigward il-kelma "miżmuma", din tista' tittieħed li qed xi ħaġa qed iżżomm xi ħaġa oħra b'mod li ma tiċċaqlaqx ("to hold", "to hold into place"). F'dak is-sens ma stajtx ninkludi miżmuma. Jien nimmaġina li inti ġieli għidt tagħti s-sapport (pr. Ingliża)/support (pr. Taljana) lil xi ħadd u/jew xi ħaġa. U din ovvjament ma tfissirx "to hold" iżda "to aid", "to give assistance". Lura għall-artiklu, il-perikardju ma jżommx lit-tessut muskolari iżda jagħtih ċerta saħħa u stabbilità.
Issa rigward Malti mitkellem ħażin - jiddependi x'tifhem bih l-aġġettiv ħażin. Int għidt:
imma tal-inqas nipprova nagħmel ħilti biex fil-kitba, fejn hemm kelma bil-Malti nuża lilha mhux korruzjoni ta' kelma Ingliża!
Jien naqbel miegħek imma irridu nkunu prattiċi wkoll. U fejn m'hemmx kelma bil-Malti x'tagħmel? Tipprova tqanċaċ u tuża kliem diġà eżistenti u tagħtih tifsira ġdida? B'hekk biex inkunu puritani (mingħalina) ħa nispiċċaw b'kelma li tfisser miljun ħaġa u dan nafu li mhux possibbli f'oqsma speċjalizzati. U r-riżultat ta' dan l-għażż lingwistiku huwa li l-Malti anqas biss jiġi kkunsidrat f'dawn l-oqsma.
Ma nafx għaliex in-nies iħossuha daqshekk bi kbira jużaw kliem ġdid u jivvintaw kliem ġdid fil-lingwa. Possibbli dawn in-nies kuntenti jużaw u jirriċiklaw l-istess erba' kelmiet? Ħabib, ftakar li l-Malti huwa ħaj u iktar minn hekk, għadu żagħżugħ u għalhekk għandu bżonn jieħu ħafna affarjiet biex jikber. Ma tistax tgħix fid-dinja tal-lum u ma tużax ċertu kliem u terminoloġiji. Ma jistax ikollok lingwa fl-2006 mingħajr kliem speċjalizzat għax tkun qed toqtol il-lingwa!
Nispera li dawn il-kummenti ma toħodhomx b'mod personali. Naprezza ħafna il-kontribut tiegħek u l-opinjoni tiegħek rigward is-suġġett. Nittama li spjegajt is-sitwazzjoni u l-għażliet tiegħi biżżejjed. Jekk taħseb li għandi niċċara xi punti oħrajn tiddejaq xejn tgħidli.
Saħħa u nselli għalik --Roderick Mallia 08:22, 9 April 2006 (UTC)
PS. U biex inkunu eżatti, toraċe hija korruzzjoni ta' kelma Latina "torac" - kieku ridt stajt ktibt "towraks" u dik tkun il-korruzzjoni Ingliża. --Roderick Mallia 08:22, 9 April 2006 (UTC)